Covenant of Mayors
  Covenant Newsletter June/July 2018  
       
 
"Il-futur mixtieq jista’ jiġi vvintat biss jekk jiżdiedu l-għarfien u l-impenn lejn l-azzjoni"
Intervista mal-Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-ambaxxatur tal-Patt tas-Sindki, Markku Markkula
 
   

Grazzi għall-inizjattiva tiegħek, diversi muniċipalitajiet Finlandiżi u r-reġjun ta’ Vaasa reċentement ikkommettew ruħhom għall-qafas tal-2030 tal-Patt tas-Sindki Ewropej. X’inhuma l-motivaturi ewlenin għall-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Finlandja biex jinvolvu ruħhom fl-inizjattiva tal-Patt?

F’dawn l-aħħar snin fil-Finlandja kellna diversi inizjattivi biex inqajmu, inħeġġu u nsostnu lill-muniċipalitajiet kif ukoll lir-reġjuni biex jieħdu azzjonijiet biex jittrattaw it-tibdil fil-klima. L-għarfien ġenerali fost iċ-ċittadini issa huwa ferm ogħla u fid-dibattiti politiċi l-mistoqsija prinċipali hija KIF? Mhux biss għaliex?

Il-Kunsilli tal-belt f’diversi bliet kbar – kbar fuq skala Finlandiża, jiġifieri ftit mijiet ta’ eluf ta’ abitanti kull wieħed – għamlu l-pjanijiet strateġiċi tagħhom biex isiru newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2035 jew l-2040, fosthom Espoo sal-2030 u Ħelsinki sal-2035. Barra dan, diversi muniċipalitajiet żgħar kienu minn ta’ quddiem fl-attivitajiet fil-ħajja reali, u issa qed naħdem magħhom biex dawn jingħaqdu wkoll mal-moviment tal-Patt tas-Sindki. Il-Kunsill Reġjonali tar-reġjun l-aktar popolat – ir-Reġjun ta’ Ħelsinki b’1.6 miljun abitant – ħa deċiżjoni f’Diċembru li għadda biex jilħaq in-newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju diġà sal-2035. It-Tramuntana ta’ Karelia għandha fil-mira tagħha li ssir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju diġà sal-2020. Dawn kollha qed jaħdmu bil-pjanijiet ta’ azzjoni u l-pjanijiet direzzjonali tagħhom.

F’kull post is-suċċess jidher li jiddependi fuq l-impenn qawwi politiku mill-partijiet kollha ewlenin. L-industrija trid iżżid il-kompetittività globali tagħha billi tkun attiva: hemm azzjonijiet ġodda innovattivi li qed jitħejjew. Madankollu, kollox huwa bbażat fuq l-għarfien u l-impenn tal-pubbliku – dan huwa l-isforz konġunt tagħna biex insalvaw il-pjaneta għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ilu jappoġġja l-Patt tas-Sindki fl-Ewropa. Iktar minn 30 mill-membri tiegħu saru ambaxxaturi għall-inizjattiva. X’irwol jistgħu jieħdu biex jgħinu sabiex l-inizjattiva tkompli tiġi mfassla u inkorporata fil-politiki tal-UE għall-enerġija u l-klima?

Ħa nagħti eżempju tajjeb: F’Lulju li għadda fl-avveniment tal-ftuħ tal-Presidenza tal-UE Estonjana, f’Tallinn kellna avveniment konġunt dwar soluzzjonijiet ambjentali ġodda. Aħna ffukajna b’mod speċjali fuq innovazzjonijiet ekoloġiċi. Aħna, l-Ambaxxaturi tal-Kumitat tar-Reġjuni, irridu nenfasizzaw dan l-iżvilupp fil-prattika fil-ħajja reali u nuru x’tip ta’ soluzzjonijiet qed jiġu maħluqa b’mod konġunt f’partijiet differenti tal-Ewropa.

Ejja nagħti eżempju ieħor fil-livell tal-presidenza tal-UE. Fit-tieni nofs tal-2019, il-Finlandja se tenfasizza l-pjattaformi diġitali u l-intelliġenza artifiċjali fl-ekonomija ċirkolari, it-teknoloġija nadifa u l-erba’ dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli: ekonomiku, ekoloġiku, soċjali u kulturali. Fuq dawn kollha, l-ibliet u r-reġjuni mmexxijin mill-ibliet huma l-instigaturi tal-kollaborazzjoni lejn titjib enormi. Dak li nara bħala essenzjali huwa l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-iżvilupp tal-pjan SET reċenti: teknoloġiji tal-enerġija strateġiċi. Il-belt tiegħi stess – Espoo fejn jiena l-president tal-Bord tal-Belt – hija pijuniera eċċellenti f’dan. Sentejn ilu, fuq il-bażi ta’ studju ta’ università Olandiża, Espoo kienet ippremjata bħala l-belt l-iktar sostenibbli fl-Ewropa.

Aħna qed inkomplu bl-impenn tagħna fuq is-sostenibbiltà mal-kollaboraturi tagħna. L-involviment tal-industrija jmur id f’id mal-pjan ta’ azzjoni tal-belt bħala prova tal-importanza kruċjali tal-kollaborazzjoni miftuħa dwar l-innovazzjoni. Fortum – l-ikbar kumpanija enerġetika fl-Iskandinavja – għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Espoo. Dawn u l-belt sfidaw il-kumpaniji l-oħra għal kollaborazzjoni miftuħa dwar l-innovazzjoni biex jilħqu l-miri ta’ newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

L-UE għad fadlilha ħafna x’tagħmel biex tagħti riżultati fuq l-impenji tagħha għall-Ftehim ta’ Pariġi. X’tista’ tagħmel il-komunità tal-Patt Ewropew biex tgħin l-Unjoni tnaqqas din il-lakuna?

Għandna bżonn naħdmu fil-livelli kollha possibbli. Il-pjan direzzjonali l-ġdid tal-UE dwar ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-2050 qed jiġi ppjanifikat u l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tippreżentah sal-ewwel trimestru tal-2019. Huwa mistenni li l-objettiv il-ġdid ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet jista’ jkun ta’ 95% jew anki 100%. Iżda, nixtieq nenfasizza li dan se jgħin biss ftit.

Għad ma kienx hemm biżżejjed azzjoni konkreta biex titwaqqaf ix-xejra negattiva dwar it-tibdil fil-klima. Wasal iż-żmien li l-UE żżid l-isforzi tagħha u tiffinanzja l-promozzjoni tal-irwol il-ġdid tal-ibliet fit-tħaffif tal-implimentazzjoni. Ir-rakkomandazzjoni tiegħi hija li l-komunità tal-Patt tagħżel madwar għaxart ibliet jew reġjuni li huma pijunieri fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ambizzjużi mal-industrija u l-universitajiet lokali tagħhom – b’fokus speċjali fuq dawk il-benefiċċji li jistgħu jġibu l-kollaborazzjoni lokali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

Element kruċjali wieħed għandu jkun intelliġenti u nadif: kif jista’ jintuża l-għarfien ġdid u liema huma t-tagħlimiet meħuda? Il-futur mixtieq jista’ jiġi vvintat biss jekk jiżdiedu l-għarfien u l-impenn lejn l-azzjoni.

Attwalment, il-baġit li jmiss tal-UE għall-perjodu 2021-2027 qed jiġi diskuss mal-Ewropa kollha. Kif jista’ l-finanzjament Ewropew jappoġġja t-transizzjoni tal-firmatarji tal-Patt lejn li jsiru territorji kompletament sostenibbli, vibranti u reżiljenti?

Aħna, il-Kumitat tar-Reġjuni, enfasizzajna l-ħtieġa li l-kwistjonijiet relatati mal-klima u s-sostenibbiltà jsiru xejra mifruxa fil-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE. Għandu jintlaħaq qbil fuq miri ta’ allokazzjoni minimi għall-klima fil-proċess trilogu tal-QFP li juri l-impenn qawwi mill-Istati Membri, u b’hekk jikkonvinċi l-ibliet u r-reġjuni mmexxija mill-ibliet li jeżisti portafoll enormi ta’ attivitajiet potenzjali li jistgħu jiġu implimentati mill-industrija, l-universitajiet u l-atturi l-oħra kollha tagħhom.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza u jien naqbel kompletament li l-Ewropa għandha bżonn ta’ finanzjament ta’ koeżjoni ġdid u estensiv għar-reġjuni kollha. Il-kriterji għal dan il-finanzjament għandhom jisfidaw lir-reġjuni biex jiffurmaw alleanzi b’saħħithom lokali bejn il-pubbliku, il-privat u n-nies u sħubiji Ewropej biex jagħmlu użu innovattiv u effettiv mill-għarfien u l-prattiki tajbin l-aktar reċenti evidenzjati bix-xjenza madwar l-Ewropa, bil-mira ta’ trasformazzjoni ekonomika lejn tkabbir sostenibbli – mhux kwalunkwe tkabbir.

Il-finanzjament ta’ koeżjoni tal-UE jista’ u għandu jkun katalizzatur għall-ibliet u r-reġjuni mmexxija mill-ibliet biex isiru iktar innovattivi fil-ħolqien ta’ sinerġiji bejn strumenti ta’ finanzjament differenti. L-ekonomija ta’ pjattaformi diġitalizzati integrata mal-mentalità intraprenditorjali se jkun pass kbir fl-esperimentazzjoni, il-pilotaġġ, il-prototipar rapidu u ż-żieda progressiva ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-immaniġġjar tal-isfidi soċjali kbar.

Segwi lil Markku Markkula fuq Twitter and u żur is sit web tiegħu

 
     
    >> Covenant Monthly Newsletter June/July 2018 <<
(0 visits )
 
     
Find us on:
Twitter Facebook
Covenant of Mayors
  The sole responsibility for the content of this newsletter lies with the Covenant of Mayors Office. It does not necessary reflect the opinion of the European Union. The European Commission is not responsible for any use that may be made of the information contained therein. The Covenant of Mayors was set up with financial support of the European Commission and consists of five associations of European local authorities: Energy Cities, Climate Alliance, Eurocities, CEMR, Fedarene, and ICLEI Europe.

Subscribe / Unsubscribe to this newsletter.
European Union  
 
Covenant of Mayors